my-malta.com © 2003
Steve Borg © 2003

Ħajr talli żort:

Please Click Here 
to view/sign our
Guestbook. Thanks.

CONNECT NOW TO
"my-malta-mail"

IT'S 100% FREE !!

my-malta.com ... presents

 

Il-Bajja tat-Torri l-Abjad

Wieħed mill-preġji li ħarġu mill-attivitajiet uffiċċjali marbuta ma’ Jum l-Ambjent 2003 kienet l-għotja finanzjarja favur il-proġett imniedi minn Nature Trust u xprunat mir-riċerka ta’ Alan Deidun għall-ħarsien ta’ l-għaram tar-ramel tal-Bajja tat-Torri l-Abjad. Din l-għajnuna utieqa ġiet wara li riċentament l-istess proġett akkwista għotja mill-aġenzija responsabbli mill-wirt kulturali tal-Ġnus Magħquda, UNESCO.

Kien bix-xieraq li dan il-proġett jiġi appoġġjat finanzjarjament għax huwa intiż li jħares wirt ekoloġiku tassew rari għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri. L-għaram tar-ramel huma rqajja’ ta’ ramel li r-riħ sawwar fi nżul u tlajja’. Minkejja li għandek issib dan il-fenomenu kull fejn hemm bajja bir-ramel, dan mhux minnu llum il-ġurnata f’pajjiżna. Fil-fatt minkejja li f’pajjiżna nafu li madwar 27 bajja tar-ramel kellhom l-għaram tar-ramel fil-passat, fl-aħħar 40 sena dawn tnaqqru wieħed wara l-ieħor. Fil-preżent insibu li 13-il bajja biss għandhom xi ħjiel ta’ l-ekoloġija ta’ din l-ekosistema, waqt li huma biss ħamsa l-bajjiet tar-ramel li għadhom jiddandnu b’ekosistema pjuttost sħiħa. Dawn huma l-Għadira, ir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay) u appuntu l-Bajja tat-Torri l-Abjad f’Malta, ir-Ramla l-Ħamra f’Għawdex u l-Bajja ta’ Santa Marija f’Kemmuna.

L-għaram tar-ramel joffru aktar mir-roqgħa ta’ ramel li bosta Maltin u Għawdxin jaħsbu li huma. Barra milli jħarsu x-xtajta billi jtaffu mill-qilla tal-mewġ huma abitat partikolari bi speċi ta’ pjanti u annimali li jgħixu hemmhekk biss, bħax-xitla tal-Pankrazju. Fil-fatt nafu b’29 speċi ta’ pjanta differenti li jgħixu esklussivament ġo l-għaram tar-ramel iżda sebgħa minnhom huma estinti jew kważi estinti waqt li 18-il speċi oħra huma klassifikati bħala fil-periklu li jinqerdu għal kollox. Uħud minnhom sparixxew għal kollox f’uħud mill-bajjiet li semmejna. Per eżempju l-pjanta li ġġib l-istess isem bħall-abitat tagħha, jiġifieri l-Għaram tar-Ramel (Ammophila littoralis) intilfet mill-Bajja tat-Torri l-Abjad.

L-għaram tar-ramel tal-Bajja tat-Torri l-Abjad kien jestendi sa tliet darbiet il-qies preżenti tiegħu tant li s-sajjieda Melliħin jirrakontaw kif wieħed ma setgħax jara l-baħar mit-triq li tagħti sat-Torri l-Abjad tant kemm kienet folta l-mixtla f’din l-ekosistema.

Il-bajja tieħu isimha mit-Torri l-Abjad, mibni fi żmien De Redin. L-għaram tar-ramel ikopri llum madwar 4, 000 metru kwadru u fl-aktar post għoli jitla’ sa tliet metri fuq il-livell tar-ramel. Il-bqija tal-bajja tikkonsisti f’madwar 6,000 metru kwadru ta’ bajja ramlija.

It-tħassir tar-ramla tat-Torri l-Abjad beda lejn l-aħħar tas-snin 80 u l-bidu tas-snin 90 meta faqqsu l-ewwel hekk imsejħa “boathouses”. Dawn l-appartamenti, bħal bini ieħor, jaqta’ l-komunikazzjoni tar-ramel mill-art ta’ wara l-bajja u jiċħad lill-għaram tar-ramel milli jkun jista’ jirbaħ ramel ġdid biex ipatti għar-ramel mitluf minħabba l-imbatt tal-baħar.

Mal-bini ovvjament jiġu n-nies li min jgħaffeġ bl-addoċċ, mingħajr ma jagħti kas ta’ fejn imidd saqajh, min jibqa’ għaddej bil-vetturi fuq ir-ramel għax ma jafx il-valur tiegħu, min jikkampja bla rispett ta’ xejn lejn in-natura kontra t-tradizzjoni tassew ta’ l-ikkampjar u min jorganizza attivitajiet ta’ “off-roading” fuq ix-xtajta. In-nies iridu d-dawl u għax ma jintużawx metodi teknoloġiċi li jħarsuna mit-tniġġis tad-dawl naraw kif l-insetti u l-annimali l-oħra notturni tas-sit jispiċċaw imdehxa bid-dawl anke bil-lejl. Sfortunatament il-bniedem għandu vizzju li jikkultiva kull fejn ikun il-pjanti u s-siġar li hu mdorri bihom tant li dawn jispiċċaw jieħdu post is-siġar u l-pjanti karatteristiċi tal-post.

Wara tgħaddiet ukoll trejqa madwar l-għaram tar-ramel li żiedet l-aċċess għal karozzi u vetturi oħra u b’hekk xprunat it-tħassir ta’ l-ekosistema. Barra minn hekk, l-użu ta’ l-ilma tax-xita mill-bdiewa ta’ l-inħawi ċaħħad lill-għaram tar-ramel mill-ilma li normalment kien jilqa’ fi ħdanu biex imantni ruħu u hekk naraw li l-ekosistema qegħda kull ma tmur dejjem tinxef. L-aktar majnata ġdida waslet fl-1998 meta s-siġar tat-Tamarisk tas-sit inżabbru bil-guffaġni waqt suppost eżerċizzju ta’ tindif ta’ l-inħawi.

Matul l-aħħar sentejn u nofs Nature Trust kisbet l-appoġġ ta’ l-Awtorità għall-Ippjanar u l-Ambjent, tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u tas-sidien tal-“boathouses” biex jitħares il-wirt ekoloġiku tal-bajja tat-Torri l-Abjad. S’issa twaħħlu ktajjen madwar il-bordura ta’ l-għaram tar-ramel biex ma jidħlux aktar vetturi fuq is-sit kif ukoll inaqqas it-tgħaffiġ min-nies. Barra minn hekk tpoġġew tabelli edukattivi li jispjegaw l-importanza ta’ din l-ekosistema kif ukoll li jsostnu li mhux permess l-ikkampjar ġewwa s-sit.

Huwa ttamat li l-proġett jimxi aktar ‘il quddiem tant li joħroġ ordni ta’ konservazzjoni għall-ħarsien ta’ l-għaram tar-ramel, tingħalaq it-triq ta’ madwar is-sit, isir eżerċizzju biex il-pjanta ta’ l-għaram tar-ramel (Ammophila littoralis) terġa’ tiddaħħal fl-ekosistema tal-post u jitfassal programm ta’ għarfien edukattiv tar-ramla.

B’xorti ħażina, kif jingħad, ix-xitan ma jaħmilx, u matul ix-xhur li għaddew kien hemm għadd ta’ atti vandali fosthom tqaċċtet parti mill-katina ta’ protezzjoni kif ukoll tkissru t-tabelli edukattivi kollha. Dan kollu jrid jerġa’ jsir u dan ifisser li parti mill-fondi miġbura ser imorru biex isir xogħol doppju!

Issa li wasal is-sajf wasal ukoll iż-żmien ta’ prova għall-pubbliku Malti biex iħares tassew il-wirt ta’ pajjiżu. Is-suċċess ta’ dan il-proġett jitkejjel minn kemm l-ekosistema ta’ l-għaram tar-ramel fil-fatt tisseddaq!

Għaldaqstant min jinnota atti vandali jew ipparkjar jew ikkampjar fis-sit huwa mitlub jikkuntatja lil xi ħadd minn dawn li ġej: Kunsill Lokali Mellieha fuq 79047706; Nature Trust fuq 99422086 jew 79604109; u MEPA fuq 99269926 jew 21231159.

kitba ta' J.J.Bonnici (Nature Trust)




my-Malta-home Towns & Villages Our Rich History That's Interesting !? At Your Service
Sign Guest Book Maltese People Special Feature Resources Page Stationed at Malta
What's New ? E-MAIL US Site Map Join Us ! Message Boards