Xi Poeziji bil-Malti

Monotonija
Ħdejn il-Fanal ta’ Delimara

Il-Fanal
bħall-pappagall
jaf żewġ kelmiet:
kelma bajda,
kelma ħamra
imtennija
fuq il-għolja waħdenija
minn xħin jidlam sa xħin jisbaħ,
x’waħda din, x’monotonija . . .

Il-għassiesa tal-Fanal
saru bħalu pappagall,
jafu jgħidu kelmtejn biss:
kelma bajda,
kelma ħamra,
kulma jafu iżjed minnu
hija l-ġrajja ta’ vapur
li ma rax il-kelma ddur,
baqa’ dieħel fuq il-blat,
u sar trietaq, miet kulħadd;
ġrajja mdejqa
imtennija
fuq il-għolja waħdenija,
x’waħda din x’monotonija!

-Anton Buttiġeġ

Il-Kebbies tal-Fanali

Kull filgħaxija,
kif ma’ l-għabex
tnin u tmut saħħet il-jum,
jiġi Majsi bis-sellum,
u jixgħelli taħt it-tieqa
fanal ċkejken,
li tal-lejl itaffi d-diqa.

Saħħti wkoll
qed inħossa tmut kuljum,
iżda msejkna l-Pœżija,
kull flgħaxija,
dlonk tixxabbat mas-sellum,
u ġo qalbi
tixgħel naqra ta’ fanal
illi jtaffi ftit id-diqa sa ma jmut ta’ ħajti l-fdal.

Alla ħares ma kienx Majsi
illi jagħmel ftit tad-dija;
u ma’ Majsi – Alla ħares – ma kenitx
il-Pœżija!

- Anton Buttiġieġ

1912 – 1983: Lawyer, politician and eventually President of Malta.
Anton Buttigieg may be considered a Poet of nature and tradition.


San Martin

Jekk dak in-nhar titħajjar tiġi s’għandi,
ġib San Martin fil-borża ta’ tfulitna;
irrid ninfatam minn daż-żmien ta’ issa.

U nilgħab ċiknatur bil-ġellewż mimli,
naqsam il-ġellewż imkennen f’qoxra rqiqa,
u nsoff il-benna tar-rummiena ħamra.

Il-ħobża żgħira b’kisja ġelu abjad,
il-qastan b’riħa taqsam tal-furnata,
jintrassu mal-larinġa b’werqa wieqfa…

Jekk dak in-nhar titħajjar tiġi s’għandi,
tinsiex lil San Martin;
qastan u lewż, rummiena u larinġa,
ċappa marsusa tin…

excerpt from poem by
- Patri Marjanu Vella, OFM.

1927 – 1988: Father Marjan was a Franciscan Monk, whose descriptive poetry centered around the religious theme, although Maltese Tradition is also a part of his repertoire.


Lil Mikiel Anton Vassalli

Vassalli, meta ngħarrex ġewwa ħsiebek,
il-ħsieb li kiber ma’ żgħużitek f’Ruma,
u kif fissirtu fit-taħdit ma’ ħbiebek,
meta lil artek rajt bil-ħan maħkuma;

u n-nafra tas-sultan li xejn ma ġiebek
wara t-twissija b’għaqal kbir maħkuma,
u l-għawġ u l-għar li nġabar wara biebek
u l-ħabs u l-ħarba f’nofs ta’ lejl mitmuma,

‘Malti safi tassew!’ joħroġ minn fommi;
mhux għax għallimtna l-ġmiel, is-saħħa, il-għana
tal-lsien tk tkellmu bih ommok u ommi,

iżd’ għax ħabbejta lil din l-art ħanina,
u kont ewlieni fost in-nisel tagħna
li ħsibt il-jedd li nkunu ġens għalina.

- Dun Karm Psaila


Tifħira lil Malta

Int sabiħa, o Malta tagħna!
Mhux għax Malti nfaħħrek jien;
issemmik id-dinja kollha,
magħruf ġmielek kullimkien.

Imgħottija bl-isbaħ sema,
l-għona dawl ix-xemx tagħtik,
ma xxawtekx, bil-ħlewwa ssaħħnek,
ġid iġġiblek u tqawwik.

Fik il-bard lil ħadd ma jikser
meta x-xemx tgħaddilek bgħid,
ma jiġix inhar tul sena
illi ma jsaħħnekx xi ftit.

U l-art tiegħek kulma tagħmel
kollu tajjeb, kollu bnin;
ġewwa bliethom il-frott tiegħek
jixtiquh wisq barranin.

Illi l-ġid bil-wisq tagħtina
qaluh fl-ibgħad żminijiet
filli tagħti, għad li żgħira,
tisboq ‘il bosta artijiet.

B’kull tifħir, o gżira mbierka,
il-għorrief semmewk, kitbuk;
għal insiġ idejn uliedek
elfejn sena ilu faħħruk.

Liema ħaġa li fik tinbet
tieba u benna ma turix?
Il-larinġa, il-frawla tiegħek
min fid-dinja ma jsemmix?

U x’ingħid mill-għasel tiegħek,
liema bniedem ma jfaħħrux?
Jekk iduru d-dinja kollha
oħla minnu ma jsibux.

Fik il-qronfla, fik il-warda,
biex tħawwilhom l-angli ġiet
imkien ġmielhom, imkien bħalhom,
fihom riħa tas-smewwiet.

Ġewwa fik, o gżira tagħna,
ħlief il-ħlewwa ma tidhirx;
u kif le, jekk ismek, ismek
ħlief il-għasel ma jfissirx?

­- Gan Anton Vassallo

1817 – 1868: Vassallo, who must not be confused with Vassalli, is one of Malta's foremost Patriotic poets. He was a lawyer and a University professor (lecturing in Italian Literature).

One of his inspirations was Malta’s history. G.A. Vassallo was one of the pioneers of Maltese Literature, at a time when the Maltese language was not given its rightful status and, hence, his writing -- along with that of his contemporaries -- was all important in the nation's movement towards a dignified identity, which led to independence.


- Ġuże Muscat Azzopardi 1853 – 1927: Poet and writer of popular prose, known for his part in promoting the Maltese language to its rightful status in a society where Italian and English were the only cultured languages. In literal terms, he was a patriot; known as the Father of Maltese Literature.